Annual Meeting for Liaison Officers - 2026
Fil-preżenza tal-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, il-Kap tal-Amministrazzjoni Pubblika, Tony Sultana, nieda l-pubblikazzjoni “It-Twettiq tal-Baġit 2025," fejn ħabbar li r-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit għall-2025 kienet ta' 86%.
Din hija figura li għoliet bi 2% mis-sena l-oħra u tkompli tagħti kunfidenza fl-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena d-dieħla hekk kif ninsabu ftit jiem bogħod mit-tħabbira tal-baġit għas-sena 2026.
Is-Sur Sultana kompla jispjega kif fil-baġit għal din is-sena ġew ippreżentati 326 miżura li minnhom 62% kienu miżuri soċjali, 20% ambjentali u 18% ekonomiċi.
Qal li r-riżultati tajbin fl-implimentazzjoni huma frott tal-ħidma mid-dipartimenti, direttorati u entitajiet kollha, b'kordinazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Id‑Diviżjoni għall‑Koordinazzjoni u l‑Implimentazzjoni fl‑Uffiċċju tal‑Prim Ministru b'mod xjentifiku timmonitorja l-miżuri, twassal ir-rappurtaġġi tagħha u tgħin fit-twettiq.
Din l-istruttura kompliet tissaħħaħ hekk kif ġiet introdotta sistema ġdida ta' monitoraġġ u rappurtaġġ biex b'hekk sfidi fl-implimentazzjoni qed jiġu indirizzati b'mod aktar pront.
Il-pubblikazzjoni “It-Twettiq tal-Baġit 2025" fiha elenku tal-miżuri kollha li tħabbru fil-baġit 2025, u fejn kull miżura hemm rappurtaġġ tal-istat tagħha.
Apparti minn hekk, il-pubblikazzjoni tagħti analiżi tal-andament ekonomiku u rappurtaġġ dwar ix-xogħol li jsir minn wara l-kwinti biex il-miżuri jiġu allinjati mal-Miri Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda.
Il-pubblikazzjoni “It-Twettiq tal-Baġit 2025," maħruġa mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, tista' tinqara hawnhekk.
Preżenti wkoll kien hemm id-Direttur Ġenerali (Koordinazzjoni u Implimentazzjoni), is-Sur Oreste Cassar, kif ukoll id-Direttur (Implimentazzjoni tal-Proġetti), is-Sur Aaron Abdilla.
--------
Sors – TVM News